Pazjenti li jeħtieġu kura bil-warfarin għal żmien twil ħafna minħabba l-kundizzjoni medika tagħhom issa jistgħu jibbenefikaw minn testijiet tal-INR fi kliniċi speċjalizzati mwaqqfa fiċ-ċentri tas-saħħa nfushom. Matul iż-żjara, jittieħed ammont żgħir ħafna ta’ demm minn waħda mis-swaba’. Il-magni li qed jintużaw jagħtu r-riżultat fi ftit sekondi. Wieħed jista’ jiddiskuti kwalunkwe problema jew mistoqsija mat-tabib u jingħata wkoll riċetta għal warfarin hemm u mbagħad.

Pazjenti li jintgħażlu biex jagħmlu użu minn dan is-servizz huma dawk li għandhom livell ta’ INR stabbli. Jista’ jkun li ma jkunux qed isofru minn xi kundizzjoni li tista’ tagħti lok għal varjazzjonijiet kbar fil-qari tal-INR.

Dan is-servizz jingħata b’appuntament mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Dan is-servizz qed jingħata miċ-ċentri tas-saħħa kollha ta’ Bkara, Floriana, Raħal Ġdid, Bormla​, Ħal Kirkop​, Ħal Qormi, il-Gzira, il-Mosta​ u r-Rabat.