L-Uffiċċju ta’ Kollegament tas-Saħħa tal-Migranti fi ħdan il-Kura tas-Saħħa Primarja (PHC) jindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa ta’ gruppi tal-popolazzjoni li ġejjin minn sfondi kulturali differenti u li ħafna drabi ma jkunux familjari mas-sistema tal-kura tas-saħħa Maltija. Dan l-uffiċċju jamministra kwistjonijiet bħall-ostakli tal-lingwa u l-isfidi li jiffaċċjaw il-professjonisti tal-kura tas-saħħa minħabba differenzi kulturali fl-ispjegazzjoni għall-kawża tal-mard u l-interpretazzjoni tas-sintomi. Id-diversità kulturali fil-kura tas-saħħa toħloq sfida għall-fornituri tas-servizzi li għandhom bżonn jimmaniġġjaw differenzi kumplessi fl-istili ta’ komunikazzjoni, fl-attitudnijiet kif ukoll fl-aspettattivi.
L-Uffiċċju ta’ Kollegament tas-Saħħa tal-Migranti għandu rwol attiv fi:
1. Il-promozzjoni tal-Kompetenza Kulturali fi ħdan il-Kura tas-Saħħa Primarja
2. Edukazzjoni tas-saħħa għall-migranti
3. Taħriġ għall-medjaturi kulturali
4. Appoġġ lill-medjaturi kulturali li jaħdmu fil-PHC
5. Parteċipazzjoni fi proġetti tal-UE
6. Għajnuna u appoġġ għal nisa u bniet migranti li huma f’riskju ta’ Mutilazzjoni Ġenitali Femminili
7. Taħriġ għall-Professjonisti tas-saħħa dwar il-kura transkulturali
Twaqqaf ukoll servizz ta’ GP mill-Kura tas-Saħħa Primarja fi ħdan il-bini tas-Servizz ta’ Detenzjoni biex jindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa tal-migranti.